Courtney Mares via Catholic News Agency
Il-Vatikan ħabbar nhar il-Ġimgħa li l-Beatu Carlo Acutis u l-Beatu Pier Giorgio Frassati, żewġ Kattoliċi żgħażagħ maħbuba għall-fidi vibranti tagħhom u x-xhieda tal-qdusija, se jiġu kkanonizzati flimkien fis-7 ta’ Settembru.
Id-data ġiet stabbilita waqt l-ewwel konsistorju pubbliku ordinarju tal-kardinali tal-pontifikat tal-Papa Ljun XIV, li sar fit-13 ta’ Ġunju fil-Palazz Appostoliku. Acutis, li miet bil-lewkimja fl-2006 fl-età ta’ 15-il sena, se jsir l-ewwel millennarju li se jiġi ddikjarat qaddis mill-Knisja Kattolika.
Il-kanonizzazzjoni ta’ Acutis kienet oriġinarjament skedata għas-27 ta’ April waqt il-Ġublew tal-Adoloxxenti tal-Vatikan. Dik iċ-ċerimonja ġiet posposta wara l-mewt tal-Papa Franġisku fil-21 ta’ April. Minkejja l-bidla, eluf ta’ pellegrini żgħażagħ minn madwar id-dinja li kienu vvjaġġaw lejn Ruma għall-kanonizzazzjoni ta’ Acutis attendew il-funeral tal-mejjet Papa u l-Quddiesa tal-ġublew, li ġibdet madwar 200,000 ruħ.
B’mossa mhux mistennija, il-konsistorju ddeċieda wkoll li jċaqlaq id-data għall-kanonizzazzjoni ta’ Frassati, li kienet ġiet iffissata għat-3 ta’ Awwissu matul il-Ġublew taż-Żgħażagħ.
Carlo Acutis: l-ewwel qaddis millennarju
Acutis, żagħżugħ Taljan li miet bil-kanċer fl-2006, huwa magħruf għad-devozzjoni kbira tiegħu lejn il-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.

Huwa sar l-ewwel millenarju li ġie beatifikat mill-Knisja Kattolika fl-2020 u huwa popolari ħafna fost il-Kattoliċi, partikolarment iż-żgħażagħ. Magħruf għall-fidi profonda tiegħu u l-għarfien diġitali tiegħu, huwa uża l-ħiliet tiegħu fil-kodifikazzjoni tal-kompjuter biex jiġbed l-attenzjoni lejn il-mirakli Ewkaristiċi madwar id-dinja. Il-wirja tal-mirakli tiegħu, li tinkludi aktar minn 100 miraklu dokumentati li jinvolvu l-Ewkaristija matul l-istorja, minn dakinhar ivvjaġġat lejn eluf ta’ parroċċi madwar ħames kontinenti.
Il-Vatikan irrikonoxxa formalment it-tieni miraklu attribwit għall-interċessjoni ta’ Acutis fit-23 ta’ Mejju 2024. Il-każ kien jinvolvi l-fejqan ta’ Valeria Valverde ta’ 21 sena mill-Costa Rica, li sofriet korriment serju fil-moħħ f’inċident bir-rota waqt li kienet qed tistudja f’Firenze fl-2022. Ma kienx mistenni li tibqa’ ħajja iżda rkuprat wara li ommha talbet għall-interċessjoni ta’ Acutis fuq il-qabar tiegħu f’Assisi.
Imwieled f’Londra fl-1991 u trabba f’Milan, Acutis attenda l-Quddiesa kuljum minn età żgħira u kien passjonat dwar il-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Ftit wara l-ewwel Tqarbina tiegħu fl-età ta’ 7 snin, Carlo qal lil ommu: “Li dejjem inkun magħqud ma’ Ġesù: Dan huwa l-pjan ta’ ħajti.”
Carlo sejjaħ l-Ewkaristija “it-triq ewlenija tiegħi lejn is-sema,” u għamel dak kollu li seta’ biex il-preżenza reali tkun magħrufa. Ix-xhieda tiegħu ispirat lill-ġenituri tiegħu biex jerġgħu lura għall-prattika tal-fidi Kattolika u lill-au pair Hindu tiegħu biex tikkonverti u titgħammed.

Ħafna minn sħabu tal-klassi, ħbieb, u membri tal-familja ta’ Carlo xehdu lill-Vatikan kif ressaqhom eqreb lejn Alla. Huwa mfakkar talli qal, “In-nies li jpoġġu lilhom infushom quddiem ix-xemx jiskuraw; in-nies li jpoġġu lilhom infushom quddiem l-Ewkaristija jsiru qaddisin.”
Ftit qabel mewtu, Acutis offra t-tbatija tiegħu mill-kanċer “għall-papa u għall-Knisja” u esprima x-xewqa li jmur “dritt is-sema.”
Magħruf bħala tifel ferrieħi u qalbu tajba b’imħabba għall-annimali, il-logħob tal-kompjuter, u t-teknoloġija, il-ħajja ta’ Acutis ispirat dokumentarji, proġetti ta’ evanġelizzazzjoni diġitali, u t-twaqqif ta’ skejjel f’ismu. Il-wirt tiegħu jkompli jirresona b’mod qawwi ma’ ġenerazzjoni ġdida ta’ Kattoliċi.
Pier Giorgio Frassati: ‘Għall-għola qdusija‘
Frassati, li miet fl-età ta’ 24 sena fl-1925, huwa maħbub minn ħafna llum ukoll għax-xhieda entużjasta tiegħu tal-għola qdusija.
Iż-żagħżugħ mill-belt ta’ Turin fit-tramuntana tal-Italja kien muntanjuż ħerqan u Dumnikan tat-Tielet Ordni magħruf għall-ħidma karitattiva tiegħu.

Imwieled nhar is-Sibt il-Qaddis, fis-6 ta’ April 1901, Frassati kien iben il-fundatur u d-direttur tal-gazzetta Taljana La Stampa.
Fl-età ta’ 17-il sena, ingħaqad mas-Soċjetà ta’ San Vinċenz de Paul u ddedika ħafna mill-ħin liberu tiegħu biex jieħu ħsieb il-foqra, dawk bla dar, u l-morda kif ukoll is-suldati demobilizzati li kienu qed jirritornaw mill-Ewwel Gwerra Dinjija.
Frassati kien involut ukoll fl-Appostolat tat-Talb u l-Azzjoni Kattolika. Huwa kiseb il-permess li jirċievi l-Komunjoni kuljum.

Fuq ritratt ta’ dik li kienet se tkun l-aħħar tixbit tiegħu, Frassati kiteb il-frażi “Verso L’Alto,” li tfisser “lejn l-għoli.” Din il-frażi saret motto għall-Kattoliċi ispirati minn Frassati biex jistinkaw għall-quċċata tal-ħajja ta’ dejjem ma’ Kristu.
Frassati miet bil-poljo fl-4 ta’ Lulju 1925. It-tobba tiegħu aktar tard spekulaw li ż-żagħżugħ kien qabad il-poljo waqt li kien qed iservi lill-morda.
Ġwanni Pawlu II, li bbeatifika lil Frassati fl-1990, sejjaħlu “raġel tat-tmien beatitudnijiet,” u ddeskrivieh bħala “mgħaddas għalkollox fil-misteru ta’ Alla u dedikat totalment għas-servizz kostanti tal-proxxmu tiegħu.”
Il-Quddiesa tal-kanonizzazzjoni għal Acutis u Frassati mistennija ssir fi Pjazza San Pietru.
Matul il-konsistorju tal-Ġimgħa, il-Kulleġġ tal-Kardinali approva l-kanonizzazzjonijiet li ġejjin ta’ seba’ beati oħra, fosthom Bartolo Longo, José Gregorio Hernández, Peter To Rot, Vincenza Maria Poloni, Ignazio Choukrallah Maloyan, María del Monte Carmelo Rendiles Martínez, u Maria Troncatti, li se jiġu kkanonizzati flimkien fid-19 ta’ Ottubru.
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.