Bħal-lum 816-il sena ilu, San Franġisk t’Assisi beda jgħix ħajja ta’ faqar

David Ramos via Catholic News Agency / ACI Prensa

Bħal-lum 816-il sena ilu, fl-24 ta’ Frar, 1208, San Franġisk t’ Assisi ħa id-deċiżjoni li jgħix ħajja ta’ faqar, li maż-żmien sawret it-twaqqif tal-Ordnijiet Franġiskani.

Dak inhar, waqt quddiesa f’dik li llum hi l-Bażilika ta’ Santa Marija tal-Anġli f’Assisi, l-Italja, San Franġisk sema’ qari tal-Vanġelu dwar kif Ġesù għażel lill-appostli tiegħu, u ħadu bħala messaġġ mibgħut apposta għalih minn Alla.

Il-qari kien minn kapitlu 10 tal-Evanġelju ta’ San Mattew, li fih il-Mulej sejjaħ lill-appostli tiegħu biex jmorru jfittxu “n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael” u qalilhom: “Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ram; u la ħorġa għat-triq, la żewġ ilbiesi, la qrieq u lanqas ħatar”.

Il-Papa Franġisku jiċċelebra quddiesa fil-qabar ta’ San Franġisk t’Assisi fit-3 t’ Ottubru, 2020. Ritratt: CNA

San Franġisk hekk beda ħajja ta’ faqar estrem, iddedikata biex ixandar il-messaġġ tal-Evanġelju, speċjalment is-sejħa għall-penitenza.

Giovanni Bernardone, kif kien jismu San Franġisk qabel ma kkonverta, kien diġà beda l-konverżjoni tiegħu ftit snin qabel. Ma kellu l-ebda intenzjoni li jwaqqaf xi struttura ġdida fil-Knisja u ma kienx qed ifittex segwaċi għal miegħu. Madankollu, wara ftit xhur, bosta bdew jimxu warajh.

San Franġisk miet fit-3 t’Ottubru, 1226. Sentejn wara, il-Papa Girgor IX ipproklamah qaddis.

San Franġisk t’Assisi kif ispira l-isem tal-Papa Franġisku?

Fil-laqgħa li kellu l-Papa Franġisku mar-rappreżentanti tal-media fis-16 ta’ Marzu, 2013, qasam magħhom għalfejn kien iddeċieda li jieħu l-isem ‘Franġisku’ meta nħatar bħala papa.

“L-isem daħal f’qalbi: Franġisku t’Assisi. Għalija huwa l-bniedem tal-faqar, il-bniedem tal-paċi, il-bniedem li jħobb u jħares lill-ħolqien,” saħaq il-papa, wara li spjega li dawk ir-riflessjonijiet waslu għalih mill-Kardinal Brażiljan Claudio Hummes waqt il-voti fil-Konklavi: “Tinsewx lill-foqra.”

Il-papa żied jgħid li San Franġisk t’Assisi “huwa l-bniedem li jagħti dan l-ispirtu ta’ paċi… Kemm nixtieq Knisja fqira u għall-foqra!

Il-Papa Franġisku jirċievi xbieha ta’ San Franġisk u jgħannqu mingħand pellegrini fi Pjazza San Pietru fis-16 ta’ Settembru 2015 waqt l-udjenza ġenerali. Ritratt: L’Osservatore Romano/CNA

Fl-2021, il-Papa Franġisku ppropona lil qaddis bħala mudell ta’ faqar.

San Franġisk ta’ Assisi, “imqanqal mill-ispirtu tal-faqar, iwissi li l-veru ġid u ferħ mhumiex affarijiet li jkollhom il-paradigma tad-dinja, iżda jieħdu s-sura tagħhom mill-imħabba ta’ Kristu u s-servizz u solidarjetà li nagħtu lil ħaddieħor. F’sens kompletament serju u b’entużjażmu – jgħid G. K. Chesterton – San Franġisk jista’ jgħid: Hieni min m’għandu xejn u ma jittama f’xejn għaliex minn kollox ikollu u minn kollox igawdi,” żied jgħid.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ispagnol jappartjeni lill-Catholic News Agency. Dan l-artiklu kien ippubblikat oriġinarjament fuq ACI Prensa.

LURA GĦALL-FAĊĊATA