‘Alla ma jgħejja qatt jaħfer’: il-Papa Franġisku jisma’ l-qrar f’Ruma

Matthew Santucci via Catholic News Agency

Il-Ġimgħa filgħaxija l-Papa Franġisku ħareġ mill-Vatikan biex jisma’ l-qrar u jmexxi servizz penitenzjali fil-Parroċċa ta’ San Piju V f’Ruma.

Filwaqt li għażel it-tema “Mixja fil-Ħajja Ġdida,” il-papa saħaq li l-vjaġġ tar-Randan huwa mument ta’ riflessjoni interjuri u trasformazzjoni, u li Alla ma jegħja qatt jaħfer.

Il-papa għamel l-omelija tiegħu diversi drabi b’rimarki spirtupront. F’ħin minnhom, dar lejn il-​fidili u talabhom jirrepetu miegħu: “Alla ma jegħja qatt jaħfer.”

Il-​papa talab lill-​assemblea biex ma jitbegħdux mill-​maħfra t’Alla, “is-​sagrament tar-​rikonċiljazzjoni,” u saħaq li din mhix “prattika taʼ devozzjoni imma l-​pedament tal-​eżistenza Kristjana.”

“Mhijiex kwistjoni li nkunu nafu kif nesprimu d-dnubiet sew imma li nagħrfu lilna nfusna midinbin u nintefgħu f’dirgħajn Ġesù msallab biex ninħelsu. Mhuwiex ġest moralistiku imma l-qawmien tal-qalb,” kompla l-papa.

Il-Papa Franġisku jindirizza lill-fidili fil-Parroċċa San Piju V f’Ruma fit-8 ta’ Marzu. Ritratt: Daniel Ibañez/CNA

L-omelija tal-Ġimgħa kienet l-ewwel indirizz pubbliku f’dawn l-aħħar ġimgħat, minbarra l-aħħar żewġ Angelus tal-Ħadd. Il-papa ta’ 87 sena tkellem għal aktar minn kwarta u deher li jinsab f’forma aħjar kważi ġimagħtejn wara li l-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede ħabbar għall-ewwel darba li kien qed jirkupra minn sintomi ta’ “influwenza ħafifa”.

Iż-żjara tal-papa fil-Parroċċa ta’ San Piju V, li tinsab madwar żewġ kilometri ’l bogħod mill-Vatikan, fetħet il-11-il edizzjoni tal-inizjattiva tar-Randan “24 Siegħa għall-Mulej”. Din iċ-ċelebrazzjoni annwali, li l-papa waqqaf fl-2014, hija promossa mid-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni u ssir lejlet ir-raba’ Ħadd tar-Randan.

Il-Papa Franġisku jindirizza lill-fidili fil-Parroċċa San Piju V f’Ruma fit-8 ta’ Marzu. Ritratt: Daniel Ibañez/CNA

Din is-sena hija t-tieni darba li l-papa se jmexxi l-avveniment barra l-Vatikan.

“Din il-ħajja ġdida,” spjega l-papa fl-omelija tiegħu ta’ nhar il-Ġimgħa, “hija l-ħajja li tmexxina ’l quddiem fl-aktar identità vera tagħna, dik li nkunu ulied maħbubin tal-Missier, biex kull dwejjaq u xkiel ma jkunux jistgħu jirbħu fuq din ir-realtà meraviljuża li twaqqafna.”

Filwaqt li enfasizza l-freneżija tal-ħajja moderna u r-responsabbiltajiet li jiġu magħha, il-papa osserva li “diġà hemm ħajja ġdida li tgħaddi ġewwa fina li jistenna li jispara u jitfa’ dawl fuq kollox.”

Il-Papa Franġisku jindirizza lill-fidili fil-Parroċċa San Piju V f’Ruma fit-8 ta’ Marzu. Ritratt: Daniel Ibañez/CNA

“Jekk wiċċ Alla huwa mċajpar, dawk ta’ ħutna huwa mċajpra ukoll.

“Jekk il-kobor li nġorru fina huwa mċajpar, nibqgħu mixjin fit-triq, imma għandna bżonn sinjali ġodda, bidla fil-pass, direzzjoni li tgħinna nsibu t-triq lura għall-magħmudija – is-sbuħija oriġinali tagħna – is-sens li nimxu ’l quddiem,” kompla l-papa.

Il-Papa Franġisku jsellem lill-pellegrini f’servizz penitenzjali fil-Parroċċa ta’ San Piju V f’Ruma fit-8 ta’ Marzu. Ritratt: Daniel Ibañez/CNA

Ir-Randan, spjega l-papa, huwa l-aħjar mod biex il-persuna terġa’ tiġi kkalibrata u biex terġa’ lura fi triq ta’ tiġdid spiritwali. Osserva li dan il-kompitu jiddependi fuq ir-rieda li wieħed jingħaqqad ma’ Alla u li jfittex il-maħfra tiegħu.

Hija “l-maħfra divina” li “terġa’ tagħmilna ġodda,” qal il-papa, u “tnaddafna minn ġewwa, billi treġġana lura għall-kundizzjoni ta’ twelid mill-ġdid tal-magħmudija.”

Il-Papa Franġisku jisma’ l-qrar wara servizz penitenzjali fil-Parroċċa ta’ San Piju V f’Ruma fit-8 ta’ Marzu. Ritratt: Daniel Ibañez/CNA

Il-Papa Franġisku għalaq l-omelija tiegħu billi talab lill-fidili biex “jilqgħu din il-ħajja ġdida”, u wara l-fidili ingħaqdu miegħu biex itennu seba’ darbiet b’leħen jgħajjat: “Ġesù, jekk trid, tista’ tippurifikani”.

Wara l-omelija, iċ-ċelebrazzjoni kompliet b’adorazzjoni Ewkaristika filwaqt li l-papa mar mis-santwarju għall-korsija tal-lemin tal-knisja biex jisma’ l-qrar.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA