Ġorġena Habbaba via Catholic News Agency
Fost tensjonijiet imġedda fil-Lvant Nofsani, l-Arċiparkija Kattolika Sirjaka ta’ Mosul u l-inħawi tal-madwar kompliet it-tradizzjoni tagħha li tiċċelebra l-ewwel Tqarbina għat-tfal f’Qaraqosh (Baghdeda), l-Iraq. Aktar minn 450 tifel u tifla rċevew is-sagrament waqt liturġiji li saru matul ix-xahar li għadda f’diversi knejjes tal-belt.
Fl-omeliji tiegħu waqt iċ-ċelebrazzjonijiet, l-Arċisqof Benedictus Hanno faħħar il-fidi soda tal-komunità Nisranija lokali, filwaqt li enfasizza d-determinazzjoni tagħhom li jirritornaw lejn art twelidhom minkejja t-tbatija li għaddew minnha minħabba l-ispostament sfurzat.
“Meta naraw dan il-grupp radjanti jirċievi l-ġisem ta’ Kristu bil-fidi, inkunu nafu li l-familji tagħna jibqgħu sodi fl-impenn tagħhom, u l-Knisja tagħna tkompli tikber u tiffjorixxi,” qal.
Hanno enfasizza wkoll ir-rwol vitali tal-familji Kattoliċi fit-trawwim tal-fidi ta’ wliedhom: “Meta l-missier u l-omm ikunu magħqudin fil-fidi, il-familja ssir kastell fortifikat, kapaċi jirreżisti t-tentazzjoni, il-ħażen, u d-devjazzjoni morali,” qal.

L-arċisqof enfasizza li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet huma “ferħ kbir għall-Knisja tagħna u xhieda ħajja tat-tiġdid u l-perseveranza tal-fidi Nisranija.”
Insara minn Qaraqosh u l-bliet ġirien ġew imċaqalqa bil-forza minn art twelidhom storika fil-Pjanura ta’ Nineveh meta l-ISIS ħataf ir-reġjun fis-6 ta’ Awwissu 2014.
“Ma eżitawx li jabbandunaw djarhom u l-possessjonijiet tagħhom sabiex jippreservaw il-fidi tagħhom… huma ppersegwitati minħabba t-twemmin tagħhom, u m’hemm xejn aktar nobbli milli żżomm mal-fidi tiegħek,” qal Hanno f’intervista preċedenti ma’ ACI MENA, is-sieħeb tal-aħbarijiet bil-lingwa Għarbija tas-CNA.
Minkejja l-emigrazzjoni fuq skala kbira ta’ Nsara mill-Iraq, ħafna rritornaw lejn Qaraqosh wara l-liberazzjoni tagħha fl-2017, determinati li jerġgħu jibnu l-knejjes u d-djar tagħhom u li jibqgħu msejsa f’arthom.
Qaraqosh — magħrufa bis-Sirjaku bħala “Baghdeda” u li tinsab fil-provinċja ta’ Nineveh fit-tramuntana tal-Iraq — tibqa’ waħda mill-akbar bliet Kristjani tal-pajjiż. Madankollu, l-għadd ta’ Kristjani naqas minn madwar 60,000 qabel l-2014 għal madwar 30,000 illum.

Skont l-uffiċċju tal-kanċellerija tal-Arċeparkija Sirjaka Kattolika, l-għadd ta’ Kattoliċi Sirjaki waħedhom niżel minn 55,000 qabel l-okkupazzjoni tal-ISIS għal 27,000 biss illum, mingħajr ma ninkludu l-Insara minn knejjes oħra.
Matul iż-żjara storika tiegħu fl-Iraq fl-2021, il-Papa Franġisku żar Qaraqosh u ltaqa’ mal-fidili fil-Katidral tal-Immakulata Kunċizzjoni.
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. Ritratti kollha via Catholic News Agency Access for Editors.